Saturday, 11 June 2016



TKUN TAF X’HEMM WARA X-XEFAQ.

Tkun taf x’hemm wara x-xefaq
Xħin lanqas tibqa’ tħares,
U tgħaraf it-tjubija
Xħin tibda dduq il-qares.

Xħin lanqas tkun qed tgħixha,
Tassew il-ħajja tibda’,
U tifred l-art mis-sema
Issib tassew l’hemm ġibda.

Xħin lanqas biss tistaqsi
Timtela’ bl-għerf u t-tama,
Xħin lanqas biss tfittixha
Issib li ħadt il-fama.

Tintebaħ bik innifsek
Xħin tgħaraf lil ħaddieħor,
Għax xħin tistenna tixba’
Issib l-għaddejt lill-ieħor..

Issibek tgħix għal dejjem,
Xħin tibda tgħix bħalissa,
U fl-għada lanqas taħseb,
l-eternita’ minn issa.

Issibu li ġa’ wasal
Lil dak li tkun tistenna,
U jekk ma dwarek tħares
Qed tgħix f’tal-art il-ġenna.

L-imħabba biss trid twasslek
Fejn ħadd ma wasal miegħek
Tintebaħ b’dan il-kobor
Xħin tgħaraf ix-xejn tiegħek.

Alfred Grech.

11/06/2016

No comments:

Post a Comment