Thursday, 14 July 2016





Li Għad Immut u Xejn ma Jibqa’.

Li għad immut u xejn ma jibqa’,
Lili dal-ħsieb qed idejjaqni,
L-imħabba wkoll għad tisparixxi,
Iifisser dan, li ż-żmien seraqni.

Serbut ta’ nemel fuq bankina,
Kulħadd bil-pass u r-ritmu tiegħu,
Kulħadd mifxul fi trieqtu miexi,
U dan hu kollox li jġorr miegħu.

U miexi jien u miexi magħhom,
U bħalhom sfajt fuq xatt ir-ramla,
Ninkines bħalhom, nibqa’ sejjer,
Ma kull kurrent, minġarr mill-ħamla.

Alfred Grech.
14/07/2016


Wednesday, 13 July 2016



Nixtieqek.

Nixtieqek  daqs iż-żmien
Li qatt flimkien m’għaddejna;
Nixtieq li t-tnejn flimkien
Inkomplu fejn ħallejna.

Biex naqsmu dak il-pont
Li bqajna qatt ma qsamna,
U nordmu dak li kien
Li bqajna qatt ma rdamna..

U nkomplu dak il-vjaġġ
Mnejn triqtna nbidlet f’oħra,
Il-qari ta’ rumanż,
Li jkollu tmiem xort’oħra.

Biex ngħidlek dak li xtaqt
U bqajt biex qatt m’għedtulek,
Biex ngħażel dak il-kliem
Tassew li kien jixraqlek.

U ngħidu lid-destin:
Din kienet it-tifsila,
Imwieżna ma xuxlin
Inkomplu t-triq it-twila.

Alfred Grech

13/07/2016

Tuesday, 12 July 2016



Palazzo Celio.                                      

Ftit kienu dawk ta’ fidi li xi darba
Dar-raħal li fl-imgħoddi baqa’ lura,
Kiene ser iwelled għaqda mużikali
Li trawwam il-ħiliet hawnhekk miġbura.

U kienu inqas dawk li darba ħolmu
Li jibnu dar fejn qabel kien hemm xahari.
Mingħajr il-flus. mingħajr dawk ir-riżorsi
Bħal blugħa kien il-ħsieb u l-pjan aħħari.

Sakemm il blugħa saret ħaġa serja,
U l-ħolm tal-ftit kien beda jieħu s-sura.
Akkwistaw art, bdew jibnu ġebla, ġebla,
U sar proġett mingħajr ma ħarsu lura.

U llum hawn dal palazz li fit-tifsila
Hu monument tal-għaqal u tal-ħila.

Alfred Grech
24/06/2016


Monday, 11 July 2016




XCVIII

Irrid insib li naħrab taħt xi forma
Biex nitlaq, ma nibqax f’din l-illużżjoni,
Il-bogħod minn fejn jingħad li jgħodd fil-borma,
Tal-ħajja ta’ kulljum b’kumbinazzjoni.

Irrid immur insib fl-anestesija,
Is-serħ mir-ritmu mgħaġġel li jġibilna
Is-sogħoba f’qalbma wara xi ħmerija,
Fix-xibka li ninsġuha b’dak l’għamilna.

Irrid iż-żmien naħarbu f’art minsija,
Il-bogħod minn dak li jgħidu li hu sewwa,
Minn dak li jista’ jgħodd ‘mma mhux għalija
U nisma’ biss minn dak li ġej minn ġewwa.

U ninsa’ wkoll kull sens tal-irġulija,
U nżomm il-ferħ fir-ruħ li hu għalija.

Alfred Grech

11-09-2016

Saturday, 9 July 2016




Jekk Tgħereq.

Jekk tgħereq f’dawn l-abbissi,
Fejn darba jien inħbejt,
Issib mitt elf raġuni
U għadek fejn ħallejt.

Jekk tgħum fil-baħar tiegħi,
Biex turi fedelta’,
Tiskopri dinja ġdida,
Mhux din ir-realta’.

Jekk tidħol ġewwa qalbi,
U tfittex sew bis-sħiħ.
Teżori sbieħ jinkixfu,
Qalb ferħ u qalb uġigħ.

U tibqa’ tgħammar miegħi
F’dak kollu li stajt bnejt,
Il-bieb niftaħlek beraħ
Tkun l-aktar li ħabbejt.

U jekk imbagħad xi darba
Li titlaq, tkun trid, tmur,
Tiġik it-tentazzjoni
Biex timraħ, biex iddur,

Trid qabel tisker sakra
U tagħaqad bla waqfien,
F’dak kollu li berraħtlek
F’dak kollu li hu jien.

Alfred Grech

09/07/2016

Friday, 8 July 2016



Fittixt.

Fittixt il-kelma adatta,
Biex ngħidlek dak li xtaqt,
Ma sibt mank kelma waħda,
Bqajt sieket f’dak il-waqt.

Xtaqt kieku li nsejjaħlek,
’Mma x’jismek jien ma nafx,
Għax ismek ferħ u hena
Fi kliem ma jissarrafx.

Fittixt ukoll tifsira
Ta’ dak li qatt ma fhimt,
’Mma dejjem xtaqt li ngħidlek,
Int fhimt bla ma tkellimt.

Alfred Grech

08/07/2016

Thursday, 7 July 2016



U Għad Xi Darba Nifhmek.

Tgħid għad xi darba nifhmek
Xħin waħdi noqgħod kwiet,
Ningħalaq f’dan it-torri
Nntilef ġo das-skiet.

U noqgħod nikkuntempla,
Il-baħħ u t-tul taż-żmien,
Il-mixi tal-millenji,
U dak li qatt ma kien.

Li jgħannu bħas-sireni
U jħajjru lill-baħrin,
Dak kollu li kont tgħidli
Motivi ta’ kull ħin.

Alfred Grech

07/07/2016