Wednesday, 8 June 2016



Jien Priġunier.

Jien priġunier tad-dinja li ngħix fiha,
Ta’ dak li qiegħed nara u dak li mmiss,
Ta’ dak li jaħbat miegħi dak li nisma,
Ta’ dak li jersaq lejja nkiss, inkiss.

Jien priġunier ta’ dan il-moħħ prekoċi,
Tal-ħsibijiet li jiġru kullimkien,
Tal-ħsieb qalil li qatt ma jrid jitrażżan
U miegħu lili jġorr kull fejn kien, kien.

Ilsir tal-meravilji ta’ madwari,
Ta’ li nixtieq u rridu minnufih,
Ta’ kull passjoni, istint u tqanqil ieħor,
U ta’ xewqat li jduru ma kull riħ.

Jien priġunier ta’ dak li nġorr fuq dahari,
Ta’ dak li minnu ngħaddi u dak li ġej,
Ta’ dan il-ġisem tqil li beda jbatti,
U ta’ kull xkiel, ma tafx fejn hu l-werrej.

Jien priġunier ta’ l-art li qed ngħix fiha,
Tax-xogħol li nagħmel, l-ambizzjonijiet,
Tal-biża’ li jaqbadni l’għada nsebbaħ,
Tad-dubbji li jiġuni bil-mijiet.

U ngħix fid-dell ta’ waħx li jiġri miegħi,
Warajja jkun bil-pass kull fejn immur,
Itektek fis-subkonxju f’kull ma nagħmel:
Il-mewt li minna ħadd ma jaħrab żgur.

Għax il-ħelsien li naf fil-poeżija,
F’dawk il-waqtiet xħin waħdi bla miżmum,
Nintebaħ jien min jien, ngħix fija nnifsi,
U niżżik ħajr Mulej kull meta nqum.

Alfred Grech.

08/06/2016 

No comments:

Post a Comment