Tuesday, 21 June 2016



Tgħidlix li din mhix oħra. *

Tgħidlix li din mhix oħra
Minn dawk it-tbeżbiżiet
Li Alla jibgħatilna
Biex nifhmu ftit bil-kwiet,

Xi tfisser din il-ħajja
Xi jfisser dan il-vjaġġ
Għaliex din it-tbatija
Ghaliex tad-dawl ftit raġġ.

Xi tfisser mewt min oħra
Ta’ min tkun tafu sew,
Bħal kewkba li tintefa’,
Ta’ min hu minn ta’ ġew.

Għaliex malajr minn fostna
Hasditek hin bla waqt
Ix-xafra ta’ mewt ghamja
Mhux din il-firda. xtaqt.

Biex nieqfu ftit niftakru
Xi tfisser sewwa sew,
Li tgħix minn jum għall-ieħor,
Dil-ħajja, u s-snin li għaddew.

U kemm hi ħolma fiergħa
Li tgeddes, timla l-but,
Għax taħseb l’hawn se tibqa
Għal dejjem, qatt ma tmut.

Li tibni borġ fuq ieħor
Tiġġieled għall-unur,
Fuq kollox il-karriera,
Biex darba ssir sinjur.

Tgħidlix lidan mhux ieħor
Minn dawk il-ħafna għeliem
Li Alla jogħġbu jibgħat
Bil-versi ta’ bla kliem

U kemm qatt ma trid li tinsa’,
Li huwa dal-mument,
Li Alla tak biex taħtfu,
U timxi mal-kurrent.

Għal-għada jaħseb għada,
Biżżejjed hu għal jum
Il-ħażen u l-għawġ tiegħu
Fil-mixja ta’ kuljum

Alfred Grech
20/06/2016.



* Din il-poeżija hij ispirata mill-mewt għall għarrieda tamart ħija Ġuza Grech.

No comments:

Post a Comment